Tuesday 11 February 2014

X'l-aħjar tgħix f'appartament fuq ħaddieħor jew f'dar maqtugħa minn kulħadd?

Inkonxjament bniedem jagħżel dar skont il-karattru li għandu... għallinqas hekk jgħidu xi għorrief li jaħsbu li jifhmu f'kollox. Imma dan għalija ma jgħoddx.

Jien persuna b'karattru xi ftit jew wisq soċjevoli u ngħix f'appartament ma' missieri, ommi u oħti l-kbira. S'hawn m'hemm xejn ġdid. Kollox skont ir-regola imma komplu aqraw u tkunu tafu kif naħsibha sewwasew jien.

Sabiex ma ninħeliex f'ħafna tlablib fil-vojt, sejjer nirrakkonta storja. Storja vera li ġrat f'Ġunju tas-sena l-oħra, lejliet l-eżami annwali tal-Malti...

Dakinhar kont iddeċidejt li ma nmurx skola sabiex nistudja l-aħħar ftit. Fil-letteratura kont għadni lura u ċerti poeżiji ma kontx narafhom mil-lista tax-xirja t'ommi. Biex tgħaxxaqha għandi l-vizzju misħut li nħalli kollox għall-aħħar u għaldaqstant dakinhar kont ippjanajt li nqum kmieni u ma naqlax għajnejja (u moħħi) minn fuq il-kotba tal-Malti.

...U sebaħ il-jum.

"Maryanne! Maryanne!"

Maryanne hija ommi. Dak il-leħen ta' ċawla, kien ġej mill-bitħa interna... għaraftu. Dak il-leħen nobogħdu minn qiegħ qalbi - leħen ta' ċawla maħnuqa li kull kelma li tgħid trid tkarkarha. Kienet Rosy li toqgħod fl-appartament ta' taħtna.

"Lili qed tgħajjat Rose?" Ommi tipprova tilgħabha tal-pulita imma leħinha penetranti u xejn ma jixbaħ lil dak tar-Regina Eliżabetta tal-Ingilterra.

Rosy kompliet, "Għandna l-problemi fid-drenaġġ, Mer." F'qalbi ħassejt li llum ġejja.

"X'jiġifieri Rose?" Ommi riedet tilgħabha tal-fidila imma Rosy ma tagħtiex ċans u, "Kif? M'intix ixxommha din ir-riħa!? ...Instadd il-loki Mer."

"Ħeqq, sewwieh hux!" Leħen ommi beda jissoda.

"Insewwuh trid tgħid! Meta tinstadd is-sistema, kulħadd irid joħrog sehemu. Hekk tgħid il-liġi." Donnu li Rosy kienet avukatessa qabel ma laħqet mara tad-dar.

"Ħeqq, kollox sew hux!" Ommi ċediet. Imbagħad kompliet, "issa nċempel lir-raġel, u filkaż nibgħat lil David għand Vestru biex jgħidlu jiġi jsewwihulna. Ħabat sew, ara, dak illum ma marx skola, u Vestru dal-ħin ikun għadu ma marx għax-xogħol."

L-ewwel nofs ta' nhar studju għidtlu "requiem eterna".

Ommi mara tal-kelma. Eżatt kif daħħlet rasha mit-tieqa, ċemplet lil missieri u bdiet titmasħan miegħu. Jien bil-kalma kollha stennejt l-ordni, li waslet puntwali daqs arloġġ Svizzeru.

"Dave, għamilli pjaċir hi. Taf fejn joqgħod Vestru ta' seffitlu?"

"Iva ma. U naf xi tridni ngħidlu wkoll. Tinsiex ma, illum bqajt hawn sabiex nistudja. Għada l-eżami u għadni lura." Ippruvajt immissilha qalbha imma ma rnexxilix.

"U iva. Mur ara kemm tista' ddum! Int mur bir-rota, mhux neffaqtna l-flus u mhux qed tużaha." Ommi għandha memorja ta' ljunfant fejn trid. Fakkritni li kont wegħedtha li naqdiha f'kull haġa li jkollha bżonn jekk tixtrili r-rota, u issa kienet qiegħda tirrikattani. Kelli nċedi.

Mort għand Vestru f'tebqa t'għajn imma hu talabni biex nistennieh sakemm jgħabbi l-vireg għax ma kienx jaf fejn noqogħdu. Bla ma għidtlu xejn, għabbieli r-rota fil-vann imġiddem tiegħu u qalli biex nirkeb fuq quddiem. Tistgħu taħsbu x'divertiment! Jien, Vestru u riħa li trid tuża l-immaġinazzjoni tiegħek biex tiddeskriviha.

Insomma, l-affari ta' Vestru ħadet madwar sagħtejn. Sagħtejn li fihom jien ġejt regolarment mitlub nimla bramel bl-ilma u nbattalhom  fit-'toilet' u niskot nissemma x'se jgħid Vestru. Fl-aħħar waslet il-kelma li kont qed nistenna.

"Kollox sew, lest." Imma kienu diġa' saru l-għaxra u nofs. Madanakollu kien baqa' ħin mhux ħażin għall-istudju, u bla ma tlift ħin, mort ngħaġġel lejn il-kamra tiegħi bit-tama li nibda, imma x'nibda nibda! Beda t-tindif tal-bitħa ta' Rosy.

Rosy kellha l-bitħa mandra u kellha tnaddafha. Il-ħaġa li tagħmilha weħedha m'għoġbithiex u bdiet tgerger b'vuċi għolja biex tismagħha ommi. Ommi mhix ċuċ. Semgħetha kollox imma għamlet ta' bir-ruħha li mhu qed tisma' xejn. Jien xtaqt ma nisma' xejn imma l-vuċi ta' Rosy tinfed saħansitra mill-konkos, u minħabba f'hekk ma stajtx nikkonċentra saħta.

Għal xil-ħdax u kwart, Rosy lestiet u waqa' s-skiet. Jien bdejt nistudja. Mill-bitħa kienet tiegħla riħa ta' diżinfettant tal-giżimin li lili togħġobni ħafna u għalhekk ftaħt it-tieqa beraħ. Anki s-sħana ta' Ġunju donnha battiet b'dik ir-riħa ta' ilma u diżinfettant.

L-istudju ħabat se jirranka meta r-riħa bdiet tinbidel. F'daqqa waħda bdiet tielgħa riħa ta' minestra li ma nistax għaliha. Nippreferi niekol il-vann ta' Vestru milli l-minestra ta' Rosy. Imma minn fejn tixtrieh il-ħaxix, din?

Għalaqt it-tieqa, bdiet is-shana, ir-riħa baqgħet imwaħħla ma’ ħwejgi, u fuq kollox l-istudju reġa’ waqaf. Dħalt fil-banju, inħsilt u ddeċidejt li sa ma nikkalma ftit, noqgħod nara l-aħbarijiet tas-siegħa tas-‘secondo’.

F’xi s-sagħtejn nieqes kwart erġajt dħalt f’kamarti biex nistudja. Ir-riħa tal-minestra kienet battiet ħafna. Għalhekk ftaħt it-tieqa, u fi skiet, paċi u żiffa ħafifa li tgħaxxqek, komplejt il-missjoni qaddisa tiegħi.

Missjoni li damet fil-paċi għal nofs siegħa biss!

Kienet waslet Doreen, it-tifla l-kbira ta’ Rosy. Din iffissata fuq Celine Dion u xi kultant tħobb timmaġina li hi hi. Għandha s-CD tat-‘Titanic’ u erħilha ddoqqu b’kemm għandha saħħa, ikun x’ħin ikun. U biex tgħaxxaq il-bejgħa toqgħod tkanta miegħu. Għadha sa llum tagħmel hekk. Tistgħu taħsbu x’opinjoni għandi fuq it-‘Titanic’. Niggarantilkom li nħoss sodisfazzjon kull darba li narah jegħreq. Imma Doreen ma tegħriqx. Tibqa’ tkanta u tneħħili dik il-ftit rieda li jkolli biex nistudja.

Għal xi l-erbgha, il-kant waqaf.

“Celine Dion waqfet għat-te”, għidt f’qalbi. Issa l-waqt li nistudja… imma le, Celine Dion u ommha qabdu jiġġieldu.

Milli jidher kienu ħerġin flimkien sal-Belt biex jixtru żarbun, u Celine Dion kellha l-‘mini skirt’ qasir wisq u ommha ma xtaqitx li l-ġuvintur joqogħdu jpespsulha quddiemha.

Ħeqq… iva, jien inħobb nissemma’ wisq. Ma stajtx nistudja. Anki oħti ġiet ħdejja tissemma’ u tgħidx kemm dħakna flimkien. Għal xi l-ħamsa u nofs ħarġu u minnufih irrealizzajt li l-jum beda’ t-tmiem tiegħu u jien għadni bilkemm bdejt nistudja. Qabadni paniku sħiħ. Keċċejt lil oħti l-barra mill-kamra tiegħi, għalaqt it-tieqa u ntfajt wiċċ imb’wiċċ mal-ktieb. Imma issa kien imiss il-kelb.

Iva Rosy għandha kelb li kull meta jsib ruħu waħdu jibda jinbaħ bla waqfien. In-nebħa tiegħu qisha l-influwenza, tagħmel x’tagħmel la tista’ tevitaha u wisq anqas twaqqafha. Id-dinja tieqaf meta jibda jinbaħ Brownie.

Pruvajt nippersevera fl-istudju bit-tinbieħ ta’ Brownie fl-isfond. Qrajt xi ħaġa iva, imma f’moħħi ma daħal xejn għajr tinbieħ, u thewdin dwar kif nista’ nivvinta xi mediċina biex traqqad il-klieb.

Għal xi t-tmienja mort niekol. Kont diġa’ rassenjat li l-pjan tiegħi kien falla bil-kbir, imma biex immut bix-xabla f’idi, kilt malajr u erġajt mort f’kamarti.

Daħlu lura f’xi t-tmienja u nofs… u reġgħu bdew jiġġieldu.

Kien ġara dak li kienet ħabbret li se jiġri Rosy. Il-ġuvintur qagħdu jgħaddu l-kummenti u l-omm ħassitha l-pulċinella ta’ Strada Rjali. Il-ġlieda qlielet, oħti reġgħet invadiet it-tieqa strateġika li għandi f’kamarti. Din id-darba anke ommi ġiet tissemma'. Kif stajt ngħidilhom “le” jien?

F’xi l-għaxra nstemgħet xi ħaġa tal-ħġieġ tinkiser u waqa’ skiet taqtgħu b’sikkina. Donnu li t-triq kollha kienet qiegħda tissemma'.

Ommi sakkret it-tieqa malajr u qaltli, “Isma Dave… taf li saru l-ħdax?” Għandha ħabta treġġa’ l-ħin skont kif ikun jaqblilha. “Int aħjar tidħol torqod, ħalli għada tqum frisk għall-eżami.”

Smajt minnha u dħalt norqod.

U ħlomt li kont noqgħod waħdi f’razzett il-Baħrija, ‘il bogħod minn kollox u kulħadd, fejn skiet ifisser skiet, fejn nista’ niddeċiedi jien x’għandi nagħmel matul il-ġurnata, fejn li-mużika li nisma’ nagħżilha jien, fejn l-unika rwejjaħ li nxomm ikunu r-riħa tal-ħaxix wara xi ħalba xita, u r-riħa tal-baħar nadif tazza li titla’ minn taħt l-irdumijiet ta’ taħti. Hemmhekk iva ma jkollix għalfejn nistudja l-poeżija. Hemmhekk il-poeżija inkun nista’ ninnamra magħha.

Bilħaqq, mill-eżami tal-Malti kont weħilt.

Tissogra tistaqsini x’inhu l-aħjar jekk hux ngħix f’appartament ma’ ħaddiehor jew waħdi f’dar maqtugħa minn kulhadd?

No comments:

Post a Comment